Previous slide
Next slide
L-Għarb tfisser Punent u fil-fatt dan ir-raħal jinsab fil-Punent ta’ Għawdex. Il-ħajja f’dan ir-raħal bdiet ħafna sekli ilu u dawn l-għeruq jidhru fl-istruttura tad-djar li jinsabu madwar il-qalba tar-raħal.

L-Għarb ingħatat l-istatus ta’ parroċċa fl-1679 u l-Knisja l-Ġdida (Knisja l-Kbira) għandha stil barokk u tixbah lill-Knisja ta’ San Anjeze ta’ Barromini li tinsab fi Pjazza Navona f’Ruma.

Il-pjazza ta’ L-Għarb hija pjazza tipika Għawdxija bil-faċċata mill-isbaħ tal-knisja li ttejjeb is-sbuħija tagħha, is-Salib tal-Pjazza li jmur lura għas-Seklu 17 u wkoll mużew tal-folk li hu mimli b’kull xorta ta’ affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-istorja ta’ L-Għarb. gżejjer tagħna.
Hemm ukoll żewġ leġġendi relatati ma’ żewġ kappelli, waħda msejħa taż-Żejt u l-oħra ta’ San Dimitri, leġġendi famużi li huma miktuba fl-istorja tal-Għarb u popolari ħafna kemm mal-Għawdxin kif ukoll mal-Maltin.

Meta jsemmi dan ir-raħal wieħed ma jistax jonqos milli jsemmi s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, li huwa santwarju ta’ importanza nazzjonali li jżuru bosta pellegrini minn madwar id-dinja.